Innu ta’ Merħba lill-Papa Franġisku f’Għawdex

Merħba bik Papa Franġisku
sieħeb twajjeb tal-bnedmin
li tal-merħla ħadt ir-riħa
taħseb int, fiha f’kull ħin.

Bik jifirħu Malta w’Għawdex
int Missier għalina, tant għażiż
li tfakkarna t-teżor ngħożżu
ta’ twemmin sabiħ u qaddis.

Ejja f’dil-gżira ta’ Pawlu
kun għaliha bħala Missier;
tal-Imsallab roxx fuqna l-ħniena
fuq il-Malti u l-istranġier.

F’dan il-jum qed nilqgħuk fostna
taħt il-mant t’Ommna l-Għawdxin
fejn mill-qedem sibna l-faraġ
meta sfajna imġarrbin.

Int ta’ Pietru trieġi d-dgħajsa
qalb il-ħalel u tant taħbit
mal-barrani u mal-imsejken
tridna nimxu lkoll id f’id.

Ejja f’dil-gżira ta’ Pawlu
kun għaliha bħala Missier;
tal-Imsallab roxx fuqna l-ħniena
fuq il-Malti u l-istranġier.

Kelmtek safja tkun għalina
B’pinnur qalb bosta rjieħ
biex fost ħafna ilħna mqarrqa
nagħrfu ‘l Kristu, r-Ragħaj sabiħ.

Int minn Ruma ġejt tkellimna
Ħalli aħna widen nagħtuk sħiħ
biex għal ġensna żżernaq għodwa
li mill-ġdid troddilna l-ġieħ.

Ejja f’dil-gżira ta’ Pawlu
kun għaliha bħala Missier;
tal-Imsallab roxx fuqna l-ħniena
fuq il-Malti u l-istranġier.

Scroll to Top