The children will never forget this and neither will I! – Pope Francis in Gozo

L-Isqof Anton Teuma jiżvela dak li qallu l-Papa f’Għawdex

Fil-ħin li l-Papa Franġisku kien akkumpanjat mill-Isqof Anton Teuma tul iż-żjara tiegħu f’Għawdex, huma kellhom diskursati profondi flimkien. Fil-fatt wara ż-żjara l-Isqof t’Għawdex beda jikteb dak li qallu għax “dak il-kliem ma jridx jintilef”.

F’intervista mal-Editur ta’ Newsbook, Kevin Papagiorcopulo, l-Isqof Teuma jirrakkonta li kien mal-Papa mix-xatt sa ta’ Pinu u lura sax-Xatt. Jgħid li fil-vjaġġ lura, fil-mument li l-Papa waqaf ħdejn l-Arkadia biex jinżel mill-popemobile u jirkeb fil-karozza, ġew it-tfal kollha fuqu, dawn kienu qabżu r-railing u ġew kollha ħdejn il-Papa.

Bil-kalma kollha, il-Papa li f’mumenti oħra kien jidher li qed ibati biex jimxi, baqa’ mat-tfal bħal qisu l-uġigħ mhux hemm u qassmilhom il-kuruni tar-rużarju. L-Isqof t’Għawdex li kif tela’ fil-karozza, il-Papa Franġisku dar lejh u qallu: “Din it-tfal ma jinsewha qatt u lanqas jiena mhu se ninsieha qatt!”

Qal li dan juri kemm il-Papa ried jiltaqa’ man-nies u kemm verament jinteressawh l-oħrajn. Ma jitkellimx fuq saħħtu u meta mistoqsi dwarha fuq l-ajruplan żgiċċa u qal “saħħti kultant tagħmel il-kapriċċi.” L-Isqof Teuma qal li din it-testimonjanza għamlitlu ħafna ġid.

L-Isqof Teuma qal fl-intervista li tul il-vjaġġ f’Għawdex, fejn kellu akkoljenza mill-isbaħ, il-Papa kkummenta miegħu li hemm ħafna koppji żgħar. L-Isqof qasam ix-xewqa tiegħu li jagħmel iktar ħidma magħhom, flimkien mal-15-il kappillan f’Għawdex. Qal li mal-Papa tkellem dwar kemm isiru żwiġijiet bil-Knisja, dwar kemm il-ħajja miżżewġa hi vokazzjoni u wkoll dwar il-vokazzjonijet reliġjużi.

Qal li d-diskors mal-Papa kien dak bejn il-missier u l-ulied – il-missier li verament jinteressah mill-familji tal-ulied tiegħu. Tkellmu wkoll dwar ir-reliġjożità popolari u l-Papa qallu biex jieħdu ħsiebha u jkomplu jrawmuha, “Tħalluhiex tispiċċa iżda mhux weħidha – hi mezz, triq li trid twassalna għall-evanġelizzazzjoni ta’ Ġesù,” qallu l-Papa.

Il-Papa dwar ir-reliġjożità popolari: “Tħalluhiex tispiċċa iżda mhux weħidha – hi mezz, triq li trid twassalna għall-evanġelizzazzjoni ta’ Ġesù”

L-Isqof Teuma qal li ma nistgħu nitilfu l-ebda kelma minn dak li qal il-Papa fil-messaġġi tiegħu tul iż-żjara f’Malta. Ikkwota l-ewwel diskors politiku lill-mexxejja tal-poplu b’mod speċjali fejn tidħol is-saħħa tad-dritt u l-korruzzjoni. Qal li għandna bżonn nibqgħu nisimgħu din il-kelma.

Tkellem dwar fejn tidħol l-akkoljenza vera, mhux dik li tidher biss u li b’mod sottili insibu l-modi kollha kif inbiegħdu u nibgħatu n-nies li jersqu f’pajjiżna. “Il-Papa kien ċar daqs il-kristall,” qal l-Isqof Teuma.

“Nipponta subgħajja lejja nnifsi – aħna fid-djar tagħna kemm qed nilqgħu immigranti? Ilkoll tħajjarna nilqgħu r-refuġjati Ukreni – imma għalfejn ma tqanqalniex għal immigranti oħrajn qabel?” staqsa l-Isqof Teuma.

Il-Papa wassal il-messaġġ lill-Isqof t’Għawdex li n-nies għandhom bżonn li l-Isqof ikun f’nofshom. Semmielu kif meta kien l-Arġentina kien talab lil żewġ papiet biex ikollu iktar awżiljarji sabiex l-isqof verament ikun fost in-nies. L-Isqof t’Għawdex qal li ma jeskludix li issa bil-barka tal-Papa jerġa’ jagħmel it-talba biex ikollu Isqof Awżiljarju f’Għawdex. Qal li kien għamel din it-talba qabel lin-Nunzju Appostoliku iżda t-tweġiba kienet fin-negattiv.

Aqra l-intervista sħiħa fuq Newsbook.com.mt.

Scroll to Top